ANNESS – REKWIŻITI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI MILL-KORPI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jixtiequ jiġu akkreditati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

1.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

2.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz li jkun indipendenti mill-organizzazzjoni jew mill-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT li jivvaluta.

3.

Korp li jappartjeni għal assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tirrappreżenta impriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-forniment, l-assemblaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT li jivvaluta jista’, jitqies bħala korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, bil-kondizzjoni li juri l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta’ kwalunkwe konflitt ta’ interess.

4.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment ta’ livell għoli tagħhom u l-persuni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak responsabbli għall-manutenzjoni tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT li jiġi vvalutat, jew r-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dik il-projbizzjoni ma għandiexx tipprekludi l-użu tal-prodotti ICT vvalutati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ tali prodotti ICT għal finijiet personali.

5.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment ta’ livell għoli tagħhom u l-persuni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità, la għandhom ikunu involuti direttament fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, fil-kummerċjalizzazzjoni, fl-installazzjoni, fl-użu jew fil-manutenzjoni tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT jew il-proċessi tal-ICT li jiġu vvalutati, u lanqas ma għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet inkarigati li jwettqu dawk l-attivitajiet. Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment ta’ livell għoli tagħhom u l-persuni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità a għandhomx jieħdu sehem fl-ebda attività li tista’ toħloq konflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità. Dik il-projbizzjonigħandha tapplika, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ konsulenza.

6.

Jekk korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun proprjetà ta’ entità jew istituzzjoni pubblika jew ikun operat minnhom, l-indipendenza u n-nuqqas ta’ kwalunkwe konflitt ta’ interess għandhom ikunu żgurati bejn l-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, u għandhom jiġu dokumentati.

7.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji u s-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħhom marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità.

8.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu attivitajiet marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u bil-kompetenza teknika rekwiżita fil-qasam speċifiku, u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u persważjoni, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet tagħhom marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità, inklużi pressjonijiet u persważjonijiet ta’ natura finanzjarja, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

9.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu skont dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk dawk il-kompiti jitwettqu mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnifsu, kif ukoll f’isem il-korp u taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Kwalunkwe sottokuntrattar għal, jew konsultazzjoni ta’, persunal estern għandha tkun dokumentata b’mod adatt, ma għandha tinvolvi l-ebda intermedjarju u għandha tkun soġġetta għal ftehim bil-miktub li jkopri, fost affarijiet oħra, il-kunfidenzjalità u l-konflitti ta’ interess. Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità inkwistjoni għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa tal-kompiti mwettqa.

10.

Fi kwalunkwe mument u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip, kategorija jew subkategorija ta’ prodotti ICT, is-servizzi ICT jew il-proċessi tal-ICT, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu dawn il-ħtiġijiet li ġejjin:

(a)

persunal b’għarfien tekniku u esperjenza biżżejjed u adatt biex iwettaq il-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjonijiet tal-proċeduri li f’konformità magħhom trid titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità, biex tiġi żgurata t-trasparenza u ta’ dawk il-proċeduri u l-possibbiltà tar-riproduzzjoni tagħhom. Dan għandu jkollu fis-seħħ il-politiki u l-proċeduri adatti li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat skont l-Artikolu 61 u l-attivitajiet l-oħra tiegħu;

(c)

proċeduri għat-twettiq ta’ attivitajiet li jieħdu kont dovut tad-daqs ta’ impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-prodotti ICT, tas-servizzi ICT jew tal-proċessi tal-ICT inkwistjoni u n-natura ta’ massa jew ta’ serje tal-proċess ta’ produzzjoni.

11.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi b’rabta mal-attivitajiet marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità b’mod adatt, u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet kollha meħtieġa.

12.

Il-persuni responsabbli biex iwettaq l-attivitajiet marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dan li ġejjin:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet tal-konformità li jwettqu u awtorità adegwata li jwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

(c)

għarfien u intendiment adatti dwar ir-rekwiżiti applikabbli u l-istandards tal-ittestjar;

(d)

il-kapaċità li jfassal ċertifikati, rekords u rapporti li juru li jkunu twettqu l-valutazzjonijiet tal-konformità.

13.

Għandha tiġi garantita l-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment ta’ livell għoli tagħhom, tal-persuni responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet tal-konformità, u ta’ kwalunkwe sottokuntrattur.

14.

Ir-remunerazzjoni tal-maniġment ta’ livell għoli u tal-persuni responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi mill-għadd ta’ valutazzjonijiet tal-konformità mwettqa jew fuq ir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

15.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jipprevedu polza tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà sakemm ir-responsabbiltà ma tinġarrx mill-Istat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, jew l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

16.

Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tiegħu, il-kumitati tiegħ, is-sussidjarji tiegħu, is-sottokuntratturi tiegħu, u kwalunkwe korp assoċjat jew persunal ta’ korpi esterni ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom iżommu l-kunfidenzjalità u josservaw is-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom skont dan ir-Regolament jew skont kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tagħti effett lil dan ir-Regolament, u ħlief fejn id-divulgazzjoni tkun meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru li tali persuni jkunu soġġetti għaliha, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom jitwettqu l-attivitajiet tiegħu. Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandhom jiġu protetti. Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu proċeduri dokumentati fis-seħħ fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ dan il-punt.

17.

Bl-eċċezzjoni tal-punt 16, ir-rekwiżiti ta’ dan l-Anness ma għandhomx jipprekludu skambji ta’ informazzjoni teknika u gwida regolatorja bejn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u persuna li tapplika għaċ-ċertifikazzjoni jew li qed tikkunsidra tapplikax jew le għaċ-ċertifikazzjoni.

18.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom joperaw f’konformità ma’ sett ta’ termini u kondizzjonijiet konsistenti, ġusti u raġonevoli, filwaqt li jittieħed kont tal-interessi tal-SMEs b’rabta mat-tariffi.

19.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard rilevanti li jkun armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jwettqu ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT.

20.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-laboratorji tal-ittestjar użati għall-finijiet ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard rilevanti li jkun armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għall-akkreditazzjoni tal-laboratorji li jwettqu l-ittestjar.

Scroll to Top