1. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn membru wieħed minn kull Stat Membru, u żewġ membri maħtura mill-Kummissjoni. Il-membri kollha għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw.
2. Kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu sostitut. Dak is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru fin-nuqqas tal-membru.
3. Il-membri tal-Bord Tmexxija u s-supplenti tagħhom għandhom jinħatru abbażi tal-għarfien tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jillimitaw ir-rata ta’ sostituzzjoni tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom fuq il-Bord ta’ Tmexxija, sabiex jiżguraw il-kontinwità fil-ħidma tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jiksbu bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-Bord ta’ Tmexxija.
4. Il-mandat tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u s-supplenti tagħhom għandu jkun ta’ erba’ snin. Dak il-mandat għandu jkun tali li jista’ jiġi mġedded.