Artikolu 20 – Dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv

1. L-ENISA għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord ta’ Tmexxija.

2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-qadi ta’ dmirijietu meta jintalab jagħmel dan. Il-Kunsill jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jibgħatlu rapport dwar il-qadi ta’ dmirijietu.

3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli li:

(a)

iwettaq l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-ENIS;

(b)

jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija;

(c)

iħejji l-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni u jippreżentah lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni qabel ma jippreżentah lill-Kummissjoni;

(d)

jimplimenta d-dokument uniku tal-programmazzjoni u jirrapporta dwaru lill-Bord ta’ Tmexxija;

(e)

iħejji r-rapport annwali kkonsolidat dwar l-attivitajiet tal-ENISA inkluż l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-ENISA, u jippreżentah lill-Bord ta’ Tmexxija għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

(f)

iħejji pjan ta’ azzjoni li jimxi mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet retrospettivi u rappurtar dwar il-progress kull sentejn lill-Kummissjoni;

(g)

iħejji pjan ta’ azzjoni li jimxi fuq il-konklużjonijiet ta’ rapporti ta’ awditjar intern jew estern, kif ukoll fuq investigazzjonijiet mill-OLAF u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lil-Kummissjoni kif ukoll regolarment lill-Bord ta’ Tmexxija;

(h)

iħejji l-abbozz ta’ regoli finanzjarji li japplikaw għall-ENISA kif msemmija fl-Artikolu 32;

(i)

iħejji l-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-ENISA u jimplimenta l-baġit tagħha;

(j)

jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ verifiki effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti mħallsa bi żball u, fejn xieraq, permezz ta’ pieni amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonali u dissważivi;

(k)

iħejji strateġija kontra l-frodi għall-ENISA u jippreżentaha lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni;

(l)

jiżviluppa u jżomm kuntatt mal-komunità kummerċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiżgura djalogu regolari mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

(m)

jiskambja fehmiet u informazzjoni b’mod regolari mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom relatati maċ-ċibersigurtà biex tiġi żgurata l-koerenza fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni;

(n)

iwettaq kompiti oħrajn assenjati lid-Direttur Eżekuttiv b’dan ir-Regolament.

4. Fejn meħtieġ, u fi ħdan l-objettivi u l-kompiti tal-ENISA, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma ad hoc magħmulin minn esperti, fosthom esperti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jgħarraf dan lill-Bord ta’ Tmexxija bil-quddiem. Il-proċeduri, b’mod partikolari, dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ ħidma, il-ħatra tal-esperti fil-gruppi ta’ ħidma mid-Direttur Eżekuttiv u t-tħaddim tal-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni tat-tħaddim tal-ENISA.

5. Fejn meħtieġ, bil-għan li l-kompiti tal-ENISA jitwettqu b’mod effiċjenti u effettiv u abbażi ta’ analiżi adatta tal-kostijiet u l-benefiċċji, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali wieħed jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar. Qabel ma jiddeċiedi jekk għandux jistabbilixxi uffiċċju lokali, id-Direttur Eżekuttivi għandu jitlob l-opinjoni tal-Istati Membri kkonċernati, inkluż l-Istat Membru li fih tkun tinstab is-sede tal-ENISA, u għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni u tal-Bord ta’ Tmexxija. F’każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil matul il-proċess ta’ konsultazzjoni bejn id-Direttur Eżekuttiv u l-Istati Membri kkonċernati, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kunsill għal diskussjoni. In-numru aggregat ta’ membri tal-persunal fl-uffiċċji lokali kollha għandu jinżamm f’livell minimu u ma għandux jeċċedi 40 % tan-numru totali tal-membri tal-persunal tal-ENISA li jkunu jinsabu fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tal-ENISA. In-numru tal-membri tal-persunal f’kull uffiċċju lokali ma għandux jeċċedi 10 % tan-numru totali tal-membri tal-persunal tal-ENISA li jkunu jinsabu fl-Istat Membru fejn tkun tinstab is-sede tal-ENISA.

Id-deċiżjoni li tistabbilixxi uffiċċju lokali għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li jkunu ser isiru fl-uffiċċju lokali b’tali mod li jiġu evitati l-ispejjeż żejda u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-ENISA.

Scroll to Top