1. Il-Bord ta’ Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi b’mod trasparenti l-Grupp Konsultattiv tal-ENISA magħmul minn esperti rikonoxxuti li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħalma huma l-industrija tal-ICT, il-fornituri tan-netwerks jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku, l-SMEs, l-operaturi ta’ servizzi essenzjali, il-gruppi tal-konsumaturi, l-esperti akkademiċi fil-qasam taċ-ċibersigurtà u r-rappreżentanti ta’ awtoritajiet kompetenti notifikati f’konformità mad- Direttiva (UE) 2018/1972, tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni,kif ukoll ta’ awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-infurzar tal-liġi u għall-protezzjoni tad-data. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jimmira lijiżgura bilanċ xieraq ġeografiku u bejn is-sessi kif ukoll bilanċ bejn il-gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati.
2. Il-proċeduri għall-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu, il-proposta mid-Direttur Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, in-numru u l-ħatra ta’ membri tiegħu u t-tħaddim tal-Grupp ta’ Ħidma tal-ENISA, għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni tat-tħaddim tal-ENISA u għandhom isiru pubbliċi.
3. Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jkun ippresedut mid-Direttur Eżekuttiv jew minn kwalunkwe persuna li d-Direttur Eżekuttiv jaħtar abbażi ta’ każ b’każ.
4. Il-mandat tal-membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija ma għandhomx ikunu membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA. L-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għandhom id-dritt ikunu preżenti fil-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA u jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu. Ir-rappreżentanti ta’ korpi oħra meqjusa rilevanti mid-Direttur Eżekuttiv, li ma jkunux membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA u jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu.
5. Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jagħti pariri lill-ENISA fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tal-ENISA, ħlief rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv dwar it-tfassil ta’ proposta għall-programm ta’ ħidma annwali tal-ENISA, u biex jiġi żgurat li jkun hemm komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar kwistjonijiet kollha relatati mal-programm ta’ ħidma annwali.
6. Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jinforma lill-Bord ta’ Tmexxija bl-attivitajiet tiegħu fuq bażi regolari.