Artikolu 24 – Dokument uniku tal-programmazzjoni

1. L-ENISA għandha topera f’konformità ma’ dokument uniku tal-programmazzjoni li jkun fih il-pjan annwali u pluriennali tagħha, li għandu jinkludi l-attivitajiet kollha ppjanati tagħha.

2. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji abbozz ta’ dokument uniku tal-programmazzjoni li jkun fih il-pjan annwali u pluriennali flimkien mal-ippjanar korrispondenti finanzjarju u għar-riżorsi umani f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (25) u b’kont meħud tal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni.

3. Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta d-dokument uniku tal-programmazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara, kif ukoll kwalunkwe verżjoni ta’ dak id-dokument aġġornata sussegwentement.

4. Id-dokument uniku tal-programmazzjoni għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

5. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati u riżultati mistennija, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, f’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 7. Dan għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta’ qabel.

6. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta jiġi assenjat kompitu ġdid lill-ENISA. Kull emenda sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħal dik użata biex jiġi adottat l-ewwel programm ta’ ħidma annwali. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddelega s-setgħa lid-Direttur Eżekuttiv biex jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali.

7. Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inkluż l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.

8. Il-pjan għar-riżorsi għandu jiġi aġġornat kull sena. Il-pjan strateġiku għandu jiġi aġġornat kull meta jkun xieraq u b’mod partikolari fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 67.


(25) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

Scroll to Top