1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, l-ENISA m’għandhiex tiżvela lil persuni terzi l-informazzjoni li hija tipproċessa jew tirċievi li fir-rigward tagħha tkun saret talba mmotivata għal trattament kunfidenzjali.
2. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, l-esperti esterni li jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma ad hoc, u l-membri tal-persunal tal-ENISA, inklużi l-uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità tal-Artikolu 339 TFUE, anke wara t-terminazzjoni tad-doveri tagħhom.
3. L-ENISA għandha tistabbilixxi, fir-regoli interni dwar l-operat tagħha, l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.
4. Jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-ENISA, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi li jħalli f’idejn l-ENISA r-responsabbiltà li tittratta l-informazzjoni klassifikata. F’dak il-każ l-ENISA, fi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, għandha tadotta regoli tas-sigurtà li japplikaw il-prinċipji tas-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (26) u 2015/444 (27). Dawk ir-regoli tas-sigurtà għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni kklassifikata.
(26) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(27) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).