Artikolu 31 – Implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA.

2. L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fuq l-ENISA bħal ma jeżerċita fuq dipartimenti tal-Kummissjoni.

3. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara (sena N + 1).

4. Kif jaslu l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-ENISA skont l-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jħejji l-kontijiet finali tal-ENISA taħt ir-responsabbiltà tiegħu u għandu jippreżentahom lill-Bord ta’ Tmexxija għal opinjoni.

5. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-ENISA.

6. Sal-31 ta’ Marzu tas-sena N + 1, id-Direttur Eżekuttiv għandu jittrażmetti r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

7. Sal-1 ta’ Lulju tas-sena N + 1, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jitrasmetti l-kontijiet finali tal-ENISA lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

8. Fl-istess data tat-trasmissjoni tal-kontijiet finali tal-ENISA, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jibgħat ukoll lill-Qorti tal-Awdituri ittra ta’ rappreżentazzjoni li tkopri dawk il-kontijiet finali, b’kopja lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

9. Sal-15 ta’ Novembru tas-sena N + 1, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippubblika l-kontijiet finali tal-ENISA f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10. Sat-30 ta’ Settembru tas-sena N + 1, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha u għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord ta’ Tmexxija u lill-Kummissjoni.

11. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata f’konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

12. Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.


(28) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

Scroll to Top