1. Wara talba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 48, l-ENISA għandha tħejji skema kandidata li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 51, 52 u 54.
2. Fuq talba mill-ECCG skont l-Artikolu 48(2), l-ENISA tista’ tħejji skema kandidata li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 51, 52 u 54. Jekk l-ENISA tiċħad tali talba, għandha tagħti raġunijiet għal tali ċaħda. Kwalunkwe deċiżjoni li tinċaħad tali talba għandha tittieħed mill-Bord ta’ Tmexxija.
3. Meta tħejji skema kandidata, l-ENISA għandha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni formali, miftuħa, trasparenti u inklużivi.
4. Għal kull skema kandidata, l-ENISA għandha tistabbilixxi grupp ta’ ħidma ad hoc f’konformità mal-Artikolu 20(4) bil-għan li jipprovdi parir speċifiku u għarfien espert lill-ENISA.
5. L-ENISA għandha tikkoopera mill-qrib mal-ECCG. Il-ECCG għandu jipprovdi assistenza u pariri esperti lill-ENISA b’rabta mat-tħejjija tal-iskema kandidata u għandu jadotta opinjoni dwar l-iskema kandidata.
6. L-ENISA għandha tieħu kemm jista’ jkun kont tal-opinjoni tal-ECCG qabel ma tibgħat l-iskema kandidata mħejjija f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5 lill-Kummissjoni. L-opinjoni tal-ECCG ma għandhiex tkun vinkolanti fuq l-ENISA, u n-nuqqas ta’ tali opinjoni lanqas ma għandu jimpedixxi lill-ENISA milli tibgħat l-iskema kandidata lill-Kummissjoni.
7. Abbażi tal-iskema kandidata prreparata mill-ENISA, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jipprevedu skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall- prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 51, 52 u 54. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 66(2).
8. Tal-inqas kull ħames snin, l-ENISA għandha tevalwa kull skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati, b’kont meħud tal-feedback li tirċievi mill-partijiet interessati. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni jew il-ECCG jista’ jitlob lill-ENISA biex tibda l-proċess ta’ żvilupp ta’ skema kandidata riveduta f’konformità mal-Artikoli 48 ta’ dan l-Artikolu.