1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-proċeduri relatati għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li huma koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jieqfu japplikaw mid-data stabbilita fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 49(7). L-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-proċeduri relatati għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li mhumiex koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jibqgħu jeżistu.
2. L-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu skemi nazzjonali ġodda taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li tkun fis-seħħ.
3. Iċ-ċertifikati eżistenti li nħarrġu skont skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u li huma koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom.
4. Bil-ħsieb li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ECCG bi kwalunkwe intenzjoni li jfasslu skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà ġodda.