Artikolu 6 – Bini ta’ kapaċitajiet

1. L-ENISA għandha tassisti:

(a)

lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-prevenzjoni, l-kxif u l-analiżi u l-kapaċità li jirrispondu għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi billi tipprovdilhom l-għarfien u l-pariri esperti meħtieġa;

(b)

lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni biex jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ta’ divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet fuq bażi volontarja;

(c)

lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-prevenzjoni, il-kxif u l-analiżi ta’ theddid u inċidenti ċibernetiċi u biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom li jirrispondu għal tali theddid u inċidenti ċibernetiċi, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ xieraq għas-CERT-EU;

(d)

lill-Istati Membrifl-iżvilupp tal-CSIRTs nazzjonali, fejn mitluba skont l-Artikolu 9(5) tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(e)

lill-Istati Membrifl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali dwar is-sigurtà tan-netwerk u tas-sistemi tal-informazzjoni, fejn mitluba skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (UE) 2016/1148, u tippromwovi t-tixrid ta’ dawk l-istrateġiji u tieħu nota tal-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tagħhom fl-Unjoni kollha sabiex tippromwovi l-aqwa prattiki;

(f)

lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-iżvilupp u r-rieżami tal-istrateġiji tal-Unjoni rigward iċ-ċibersigurtà, il-promozzjoni tat-tixrid tagħhom u s-segwitu fl-implimentazzjoni tagħhom;

(g)

lis-CSIRTs nazzjonali u tal-Unjoni biex itejbu l-livell tal-kapaċitajiet tagħhom, inkluż permezz tal-promozzjoni tad-djalogu u l-iskambji tal-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li, fir-rigward tal-ogħla livell tal-iżvilupp tekniku, kull CSIRT tippossjedi sett komuni ta’ kapaċitajiet minimi u li topera skont l-aħjar prattiki;

(h)

l-Istati Membri billi torganizza regolarment l-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7(5) tal-inqas kull sentejn u billi tagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ politika abbażi tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-eżerċizzji u t-tagħlimiet miksuba minnhom;

(i)

lill-korpi ta’ politika rilevanti billi toffrilhom taħriġ rigward iċ-ċibersigurtà, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;

(j)

lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni, fl-iskambju tal-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni mill-Istati Membri tal-operaturi ta’ servizzi essenzjali, skont il-punt (1) tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 ukoll fir-rigward ta’ dipendenzi transfruntiera fir-rigward ta’ riskji u inċidenti.

2. L-ENISA għandha tappoġġa l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fis-setturi u bejniethom, b’mod partikolari fis-setturi elenkati fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2016/1148, billi tipprovdi l-aħjar prattiki u gwida dwar l-għodod disponibbli, il-proċeduri, kif ukoll dwar kif għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji marbuta mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Scroll to Top