Artikolu 46 – Qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1. Il-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandu jkun stabbilit sabiex itejjeb il-kondizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern billi jżid il-livell ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni u jippermetti approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni għal skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, bil-ħsieb li jinħoloq suq uniku diġitali għal prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT.

2. Il-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandu jipprevedi mekkaniżmu li jistabbilixxi skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u li jikkonferma li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li jkunu ġew evalwati f’konformità ma’ tali skemi jikkonformaw ma’ rekwiżiti tas-sigurtà speċifikati bil-għan li jiġu protetti d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità jew il-kunfidenzjalità ta’ data maħżuna jew trasmessa jew ipproċessata jew il-funzjonijiet jew is-servizzi offruti minn, jew aċċessibbli permezz, ta’ dawk il-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

Scroll to Top